Servizzi

Kumpens Statutorju tal-Vittmi tal-Kriminalità

Jekk sofrejt korriment bħala riżultat ta’ reat inti tista’ tkun legalment intitolat għal kumpens skont il-każ.

Il-Liġi
Il-Liġi li tittratta b’mod speċifiku l-kumpens lill-vittmi tal-kriminalità hija l-Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12 bit-titolu Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità. Id-dispożizzjonijiet legali tagħha jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE dwar kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità.

L-eliġibilità għall-kumpens lill-vittmi tal-kriminalità hija statutorjament limitata għal danni kriminali sofferti fl-1 ta’ Jannar, 2006 jew wara u limitata b’mod diskrezzjonali mill-konsiderazzjonijiet fl-Artikolu 11(a) sa (e) tar-Regolamenti dwar l-Iskema ta’ Kumpens għal Korrimenti Kriminali (agħfas fuq il-vleġġa tas-servizz konċernat sabiex taċċessa l-Applikazzjoni għal Kumpens għal Korrimenti Kriminali (L.S.9.12)). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw lill-Uffiċjal għat-Talbiet, bħala l-awtorità finali biex tiddetermina t-talbiet kollha għal kumpens għal korrimenti kriminali mġarrba, fiż-żamma jew fit-tnaqqis ta’ għotja.

Kumpens Għall-Ħsara Kkawżata mill-Kriminalità u l-Iskema ta’ Kumpens
Hemm numru ta’ dokumenti u ċertifikati li huma importanti li tinnota jekk taħseb li tista’ tikkwalifika għal kumpens għal korriment sostnut minnek permezz ta’ reat, kemm jekk għandek il-ħsieb li titlob kumpens mingħand min għamel ir-reat jew taħt l-Iskema ta’ Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità jew it-tnejn:

  • Spejjeż li kellek tħallas bħala riżultat tar-reat kriminali sostnut minnek
  • Kwalunkwe telf ta’ qligħ li tista’ tkun sofrejt bħala riżultat tar-reat kriminali sostnut minnek
  • Kull dħul li stajt possibilment irċevejt bħala riżultat tar-reat kriminali sostnut minnek (bħal benefiċċji soċjali u/jew ta’ qagħad, kwalunkwe Ordni tal-Qorti relattiva għal kumpens)
  • Rapport tal-Pulizija

Għal aktar tagħrif, żur is-sezzjoni tal-FAQs

Toolkit għall-vittmi aċċessibbli hawn.

Professjonisti legali mhux Maltin li jixtiequ jipprattikaw il-professjoni legali f’Malta taħt it-titlu tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom

Professjonisti Legali tal-UE (mhux Maltin) li jixtiequ jipprattikaw il-professjoni legali tagħhom f’Malta jkunu meħtieġa jirreġistraw mal-awtorità kompetenti f’Malta. Tali reġistrazzjoni tintitolahom biex jipprattikaw taħt it-titlu professjonali ta’ pajjiżhom.

Il-persuni jkunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni legali tagħhom f’Malta taħt it-titolu tal-pajjiż ta’ oriġinali tagħhom kif muri miċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni rispettiv.

Skont id-Direttiva 98/5/KE il-persuni jistgħu jkunu awtorizzati li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom taħt wieħed mit-titoli professjonali elenkati fl-Artikolu 1.

L-applikanti għandhom jipprovdu dan li ġej:

  • kopja taċ-ċertifikat tat-twelid;
  • kopja taċ-Ċertifikat jew Warrant biex jipprattikaw il-professjoni legali fil-pajjiż tal-UE li fih ikunu rreġistrati li jinkludi t-titolu legali;
  • kopja ta’ dokument ta’ identita’ validu;
  • kopja tal-kwalifiki;
  • dokument li jikkonferma li l-applikant ġie debitament irreġistrat mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-pajjiż ta’ oriġini;
  • “Certificate of Good Standing” mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż ta’ oriġini;
  • ċertifikat tal-kondotta (maħruġ mhux aktar kmieni minn xahar (1) mid-data tal-applikazzjoni) mill-awtorità kompetenti f’Malta jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju kif applikabbli.

M’hemm l-ebda rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-għarfien ta’ lingwi speċifiċi.

Agħfas fuq il-vleġġa tas-servizz konċernat sabiex taċċessa l-applikazzjoni onlajn.

Talbiet Għall-Ħatriet skont L-Ordinanza Dwar Il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta’ Malta)

Taħt l-Artikolu 3 tal-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’Setgħa li Jagħtu Ġurament (Kapitolu 79 tal-Liġijiet ta’ Malta)

“3.(1) Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’ minn żmien għal żmien, b’warrant iffirmat minnu, jaħtar persuni, li jkunu uffiċjali pubbliċi, impjegati pubbliċi, avukati jew prokuraturi legali, bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament, u jista’ f’kull żmien iħassar kull ħatra bħal dik.

(2) Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’ wkoll, minn żmien għal żmien, jaħtar persuni, ikunu jew ma jkunux uffiċjali pubbliċi, li jkunu qed jaqdu funzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-servizz barrani tal-Gvern f’xi pajjiż barra minn Malta, biex ikunu Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament f’dak il-pajjiż, u jista’ f’kull żmien iħassar kull ħatra bħal dik.

(3) Il-ħatra ta’ uffiċjal pubbliku bħala Kummissjunarju b’setgħa li jagħti ġurament u kull ħatra taħt is-subartikolu (2) jistgħu jkunu jew persunali jew bl-isem tal-kariga jew tal-funzjonijiet moqdija minn dik il-persuna hekk maħtura.

(4) Kull ħatra magħmula taħt dan l-artikolu għandha tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, u kull ħatra bħal dik magħmula wara l-1 ta’ Jannar, 1980 għandu jkollha effett biss mid-data ta’ dik il-pubblikazzjoni.”

Persuni interessati li jservu ta’ Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament taħt l-Ordinanza relattiva tal-Liġijiet ta’ Malta jistgħu jiktbu ittra permezz ta’ liema jressqu t-talba tagħhom u permezz ta’ liema jindikaw b’mod dettaljat ir-raġunijiet għalfejn jixtiequ jservu ta’ Kummissjunarji. Din l-ittra trid tkun indirizzata lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja. Alternattivament jistgħu wkoll jibagħtu e-mails lil dan id-Dipartiment fuq info.justicedepartment@gov.mt.

Koordinazzjoni tal-ipproċessar ta’ talbiet għal priġunieri barranin biex ikomplu jservu s-sentenza tagħhom barra mill-pajjiż skont il-liġi nazzjonali u Ewropea rispettiva

Malta implimentat id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/JHA permezz tal-Avviż Legali 55 tat-3 ta’ Frar 2012 li permezz tiegħu ġiet fis-seħħ il-Legiżlazzjoni Sussidjarja 9.17 intitolata ‘Regolamenti dwar l-Eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ Ordnijiet ta’ Sentenzi ta’ Infurzar jew Miżuri li jinvolvu Ċaħda tal-Libertà’.

Kif jindika t-titlu tad-DQ, din hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan huwa l-proċess li bih deċiżjoni li tittieħed minn awtorità ġudizzjarja f’pajjiż tal-UE hija rikonoxxuta, u fejn meħtieġ, infurzata, minn pajjiżi oħra tal-UE daqs li kieku kienet deċiżjoni meħuda mill-awtorità ġudizzjarja tal-pajjiżi tal-aħħar.

Huwa pertinenti li wieħed jinnota li dan l-istrument huwa relatat ma’ reati kriminali u li t-trasferimenti tal-priġunieri ma’ pajjiżi terzi huma normalment trattati minn ftehim bilaterali jew multilaterali konklużi mill-Istati Membri nfushom, jew minn strumenti legali oħra.

Wieħed jista’ japplika permezz ta’ ġurament mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Koordinazzjoni tal-ipproċessar ta’ Petizzjonijiet għall-Maħfra Presidenzjali

Wieħed mis-servizzi prinċipali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja huwa li jikkoordina l-ipproċessar ta’ Petizzjonijiet għall-Maħfra Presidenzjali magħmula taħt l-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.

Talbiet Magħmula taħt l-Att dwar is-Saħħa Mentali

Talbiet magħmula taħt l-Att dwar is-Saħħa Mentali, Kapitolu 525 tal-Liġijiet ta’ Malta, ta’ Qrati Kriminali Pazjenti Ġurisdizzjonali għal-leave.

Aqra l-Kapitolu 525 tal-Liġi ta’ Malta hawn.

Tmexxija u Koordinazzjoni tal-Eżerċizzju ta’ Riforma tal-Esperti tal-Qorti

Rwol importanti tad-Dipartiment huwa li jmexxi u jikkoordina l-eżerċizzju ta’ riforma tal-esperti tal-qorti f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rispettivi fil-qasam tal-ġustizzja.