Taħt l-Artikolu 3 tal-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’Setgħa li Jagħtu Ġurament (Kapitolu 79 tal-Liġijiet ta’ Malta)

“3.(1) Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’ minn żmien għal żmien, b’warrant iffirmat minnu, jaħtar persuni, li jkunu uffiċjali pubbliċi, impjegati pubbliċi, avukati jew prokuraturi legali, bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament, u jista’ f’kull żmien iħassar kull ħatra bħal dik.

(2) Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’ wkoll, minn żmien għal żmien, jaħtar persuni, ikunu jew ma jkunux uffiċjali pubbliċi, li jkunu qed jaqdu funzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-servizz barrani tal-Gvern f’xi pajjiż barra minn Malta, biex ikunu Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament f’dak il-pajjiż, u jista’ f’kull żmien iħassar kull ħatra bħal dik.

(3) Il-ħatra ta’ uffiċjal pubbliku bħala Kummissjunarju b’setgħa li jagħti ġurament u kull ħatra taħt is-subartikolu (2) jistgħu jkunu jew persunali jew bl-isem tal-kariga jew tal-funzjonijiet moqdija minn dik il-persuna hekk maħtura.

(4) Kull ħatra magħmula taħt dan l-artikolu għandha tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, u kull ħatra bħal dik magħmula wara l-1 ta’ Jannar, 1980 għandu jkollha effett biss mid-data ta’ dik il-pubblikazzjoni.”

Persuni interessati li jservu ta’ Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament taħt l-Ordinanza relattiva tal-Liġijiet ta’ Malta jistgħu jiktbu ittra permezz ta’ liema jressqu t-talba tagħhom u permezz ta’ liema jindikaw b’mod dettaljat ir-raġunijiet għalfejn jixtiequ jservu ta’ Kummissjunarji. Din l-ittra trid tkun indirizzata lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja. Alternattivament jistgħu wkoll jibagħtu e-mails lil dan id-Dipartiment fuq [email protected].