Jekk sofrejt korriment bħala riżultat ta’ reat inti tista’ tkun legalment intitolat għal kumpens skont il-każ.
Il-Liġi
Il-Liġi li tittratta b’mod speċifiku l-kumpens lill-vittmi tal-kriminalità hija l-Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12 bit-titolu Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità. Id-dispożizzjonijiet legali tagħha jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE dwar kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità.
L-eliġibilità għall-kumpens lill-vittmi tal-kriminalità hija statutorjament limitata għal danni kriminali sofferti fl-1 ta’ Jannar, 2006 jew wara u limitata b’mod diskrezzjonali mill-konsiderazzjonijiet fl-Artikolu 11(a) sa (e) tar-Regolamenti dwar l-Iskema ta’ Kumpens għal Korrimenti Kriminali (agħfas fuq il-vleġġa tas-servizz konċernat sabiex taċċessa l-Applikazzjoni għal Kumpens għal Korrimenti Kriminali (L.S.9.12)). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw lill-Uffiċjal għat-Talbiet, bħala l-awtorità finali biex tiddetermina t-talbiet kollha għal kumpens għal korrimenti kriminali mġarrba, fiż-żamma jew fit-tnaqqis ta’ għotja.
Kumpens Għall-Ħsara Kkawżata mill-Kriminalità u l-Iskema ta’ Kumpens
Hemm numru ta’ dokumenti u ċertifikati li huma importanti li tinnota jekk taħseb li tista’ tikkwalifika għal kumpens għal korriment sostnut minnek permezz ta’ reat, kemm jekk għandek il-ħsieb li titlob kumpens mingħand min għamel ir-reat jew taħt l-Iskema ta’ Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità jew it-tnejn:
- Spejjeż li kellek tħallas bħala riżultat tar-reat kriminali sostnut minnek
- Kwalunkwe telf ta’ qligħ li tista’ tkun sofrejt bħala riżultat tar-reat kriminali sostnut minnek
- Kull dħul li stajt possibilment irċevejt bħala riżultat tar-reat kriminali sostnut minnek (bħal benefiċċji soċjali u/jew ta’ qagħad, kwalunkwe Ordni tal-Qorti relattiva għal kumpens)
- Rapport tal-Pulizija
Għal aktar tagħrif, żur is-sezzjoni tal-FAQs